Konferenza dwar Fake News mill-iskola Mater Boni Consilii, St Joseph, Paola

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Novembru 2020 ġiet organizzata konferenza bit-tema ta’ kif l-istudenti jagħrfu jekk aħbar hix awtentika jew fittizja. Din il-konferenza ġiet organizzata mill-iskola Mater Boni Consilii, St Joseph, Paola u l-NGO Finlandiża Faktabaari. Iktar minn 150 parteċipant ħadu sehem f’din il-konferenza, li kienu jinkludu edukaturi, letturi tal-Università ta’ Malta u l-MCAST, ġurnalisti u studenti tal-ġurnaliżmu.

Fil-bidu tal-konferenza Dr Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Finlandja u l-Estonja u Kap tal-iskola Mater Boni Consilii, St Joseph, Paola, irringrazzja lill-parteċipanti tal-interess li wrew f’din il-konferenza. Dr Vella laqa’ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej l-Onorevoli Evarist Bartolo u rringrazzjah tas-sapport tiegħu u tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-konferenza. Dr Vella rringrazzja wkoll lill-Ambaxxatriċi tal-Finlandja għal Malta, l-Eċċellenza Tagħha Pia Rentala Engberg. Hu introduċa r-rappreżentanti ta’ Faktabaari, Mikko Salo u Kari Kivinen, li mexxew din il-konferenza.

Fl-intervent tiegħu l-Onorevoli Ministru Evarist Bartolo saħaq fuq l-importanza li nedukaw lill-istudenti biex jirriflettu fuq l-affarijiet li jiġu preżentati lilhom biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet għaqlin f’ħajjithom. Hu sostna li għandna nitgħallmu ngħixu flimkien f’armonija f’soċjetà mimlija diversità ta’ kulturi u reliġjonijiet.

L-Ambaxxatriċi tal-Finlandja għal Malta Pia Rentala Engberg semmiet l-importanza li s-soċjetà kollha jkollha l-abiltà li tidentifika informazzjoni li mhix vera u li kull persuna fis-soċjetà titgħallem tkun kritika tal-informazzjoni li tkun esposta għaliha.

Mikko Salo u Kari Kivinen, ir-rappreżentanti ta’ Faktabaari, ippreżentaw modi kif l-istudenti u anke l-adulti janalizzaw rapport u jidentifikaw l-awtentiċità tiegħu. Fil-preżentazzjoni tagħhom spjegaw ukoll x’miżuri qed tieħu l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam u kif l-iskejjel Finlandiżi qed iħaddnu l-litteriżmu tal-midja fil-kurrikulu. Salo u Kivinen tkellmu wkoll fuq ix-xogħol li qed taħdem fuqu l-NGO Faktabaari. L-aħħar parti tal-konferenza ġiet indirizzata mill-Onorevoli Carmelo Abela, Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli, l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali u d-djalogu soċjali. Hu saħaq fuq l-importanza li wieħed jivverifika s-sorsi ta’ informazzjoni qabel jiddeċiedi jekk l-aħbar hix awtentika. Semma wkoll li f’Malta qed tiġi mfassla politika fuq il-litteriżmu tal-midja.

This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By browsing this website, you agree to our use of cookies.