Ir-Riċerkaturi tal-Iskola Primarja f’Ta’ Sannat u l-iSpecial Unit

Fil-klassi tas-sitt sena tal-Iskola Primarja f’Ta’ Sannat, fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex, ilu s-snin jintuża mudell ta’ tagħlim li bih tkompli titkebbes il-fjamma tal-kurżità għat-tagħlim fl-istudenti. Permezz ta’ sit online maħluq mill-għalliem, l-istudenti jidħlu fiż-żarbun tar-riċerkaturi u jagħmlu riċerka qasira u sigrieta fuq temi marbuta mal-ġografija, mal-istorja u mal-bijodiversità. Meta r-riċerka tkun lesta l-għalliem itellagħha fis-sit tal-klassi u l-istudenti jingħataw l-oppurtunità li jippreżentaw ir-riċerka tagħhom fil-klassi quddiem sħabhom.

Dan il-mudell ta’ tagħlim integrat, mibni fuq il-kunċett ta’ emergent learning, jehmeż ma’ xulxin suġġetti bħal-lingwi, ix-xjenza u l-litteriżmu diġitali ma’ temi kurjużi, strambi jew misterjużi marbuta mal-istorja, mal-ġografija u mal-bijodiversità. Dawn il-proġetti, kif iħobbu jsejħulhom l-istudenti, isiru minn studenti ta’ abbiltajiet differenti kif ukoll minn studenti ta’ nisel barrani u jsiru għall-gost, mhux bħala xogħol tad-dar tradizzjonali. Il-fatt li ta’ kull sena jittellgħu aktar minn 170 proġett fis-sit hu indikazzjoni ċara li din l-inizjattiva tagħti ħafna frott. Il-proġetti jistgħu jinqraw mis-sit year6reportage.wordpress.com.

This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By browsing this website, you agree to our use of cookies.