Fondazzjoni Sagħtar tniedi app għas-Sagħtar

Ir-rivista popolari Sagħtar maħruġa minn Fondazzjoni Sagħtar nediet applikazzjoni diġitali (app). Din l-inizjattiva saret b’investment ta’ €20,000 mill-iskema VOPS, maħruġa mill-Ministeru għall-Inklużjoni, Għaqdiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur.

Elaine Germani, iċ-Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar, spjegat li din l-app, li hija b’xejn, hija kontinwazzjoni naturali tal-proġetti mwettqa mill-Fondazzjoni sabiex is-Sagħtar jasal għand it-tfal tal-lum.

“Mit-twaqqif tal-Fondazzjoni kellna idea ċara li s-Sagħtar ma jistax jibqa’ biss rivista stampata imma rridu nagħmlu qabża fit-teknoloġija sabiex nilħqu aktar tfal. Apparti r-rivista kif nafuha, permezz tal-app ser ikunu jistgħu wkoll jisimgħu stejjer bil-Malti waqt li qegħdin jaqrawhom, flimkien ma’ numru ta’ features oħra ġodda. Nittamaw li t-tfal u l-ġenituri tagħhom jilqgħu din l-istedina tagħna sabiex flimkien inkomplu nħeġġu l-gost tal-qari u t-tagħlim bil-Malti.”

Marco Bonnici, President tal-Malta Union of Teachers, irringrazzja lill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju tal-fondi sabiex twettaq dan il-proġett.

“Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan l-MUT, permezz ta’ dawn il-fondi, qed tkompli twettaq l-iskop ewlieni, jiġifieri li taqdi funzjoni soċjali u edukattiva fost l-edukaturi u l-istudenti Maltin u Għawdxin. Bħala MUT ser inkomplu nsostnu l-ħidma tal-Fondazzjoni għal dawn l-inizjattivi, li huma parti mir-rwol professjonali li l-Union tħaddan, apparti r-rwol trejdjunjonistiku.”

Fid-diskors tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni, Għaqdiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli rrimarkat li l-attività tal-lum hija waħda kemm nostalġika u innovattiva, għall-fatt li r-rivista Sagħtar tieħu lil eluf ta’ adulti lura lejn tfulithom fuq il-bankijiet tal-iskola. Il-Ministru Farrugia Portelli aċċennat li skema bħalma hija l-VOPS tinċentiva u tgħin lill-għaqdiet volontarji biex ikunu sostenibbli u jkomplu jiġġeddu. Il-Ministru kompliet tgħid li permezz tar-rivista, l-MUT u Fondazzjoni Sagħtar qegħdin ikunu ambaxxaturi għall-qalba diġitali. “Illum is-Sagħtar, wara 51 sena u kważi 370 pubblikazzjoni, se jkun qed ikompli jiġġedded u jagħmel qabża oħra fid-dinja diġitali.”

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li s-Sagħtar mhux sempliċiment rivista iżda legat u investiment dirett fil-lingwa Maltija u l-imħabba lejn il-qari. Il-Ministru rringrazzjat u faħħret lill-MUT u lil Fondazzjoni Sagħtar għat-tiġdid li qegħdin iwettqu biex is-Sagħtar jibqa’ jinkoraġġixxi lit-tfal ikattru l-imħabba tagħhom lejn il-lingwa Maltija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) Mauro Pace Parascandalo qal li “wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-MCVS huwa li jsostni lill-għaqdiet volontarji fil-ħidma tagħhom fil-komunità.” Pace Parascandalo kompla jgħid li dan il-proġett, li kien jilħaq dawn il-kriterji, kien megħjun permezz ta’ fondi taħt l-iskema VOPS sabiex din l-inizjattiva, li bosta minna niftakru fi tfulitna, titkompla. Il-Kap Eżekuttiv ikkonkluda jgħid li “bl-għajnuna tal-fondi Fondazzjoni Sagħtar ser tkun qed tippubblika r-rivista Sagħtar bħala pubblikazzjoni diġitali, aċċessibbli u aktar iffukata fuq l-aspett interattiv.”

This site uses cookies to offer you a better browsing experience. By browsing this website, you agree to our use of cookies.