Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan l-MUT ħabbret li r-rivista Sagħtar issa tista’ tinxtara bħala rivista stampata mill-ħanut online li għadu kif tnieda mill-Fondazzjoni.
Is-Sagħtar huwa sinonimu mal-qari tajjeb bil-Malti għat-tfal, u bħalma jaf kulħadd jinkludi varjetà kbira ta’ artikli, stejjer, poeżiji, logħob u kompetizzjonijiet edukattivi, informattivi u divertenti. Ir-rivista stampata għandha sservi sabiex tilħaq aktar tfal, li għall-ewwel darba ser ikollhom l-esperjenza ta’ rivista bil-Malti stampata apposta għalihom, bħalma kien hemm għal tant snin fil-passat.
Min hu interessat jakkwista kopja stampata għandu jissieħeb b’xejn bħala membru tal-Fondazzjoni u jmur fil-ħanut li għadu kif infetaħ bħala parti mis-sit saghtar.org.mt. Hemmhekk wieħed jista’ jabbona għal tmien edizzjonijiet stampati tal-magażin, jiġifieri minn Ottubru 2020 sa Mejju 2021, jew inkella jixtrihom waħdiet. Fl-istess ħanut hemm ukoll għażla ta’ kotba sbieħ għat-tfal u pubblikazzjonijiet oħra.
Infakkrukom li l-verżjoni diġitali tar-rivista tittella’ b’xejn kull xahar fuq saghtar.org.mt, fejn wieħed isib ukoll l-edizzjonijiet kollha passati sa mill-bidu nett. Dawn il-ħamsin sena sħaħ ta’ rivisti jistgħu jinqraw minn fuq kompjuter, mowbajl jew tablet. Siltiet minnhom jistgħu wkoll jinstemgħu moqrija minn qarrejja differenti u kultant mill-awturi stess!
Għal darb’oħra l-Fondazzjoni tixtieq tirringrazzja lill-kontributuri kollha li permezz tagħhom kien possibbli li jerġa’ jibda s-Sagħtar – kittieba, illustraturi, membri tal-bord editorjali u ħafna persuni oħrajn. Nirringrazzjaw minn qalbna wkoll lill-edukaturi kollha li qegħdin jużaw is-Sagħtar fil-klassi kif ukoll lil dawk kollha li qegħdin iħeġġu lit-tfal sabiex jaqraw ir-rivista.
Nawgurawlkom ħafna qari interessanti, gost u divertiment!
Idħol fil-ħanut minn HAWN.